NINU CREMONA
“Kien fil-bidu tas-sena 1912 meta Dun Karm, imħajjar mid-dekan tal-kittieba tal-Malti, kien beda jdewwaqna l-ħlewwa ta’ versi klassiċi Maltin f’Il-Ħabib. Warajh kienu għaddew bilkemm tliet snin meta fl-istess ġurnal bdew jidhru versi Maltin mhux inqas mirqumin u sbieħ, li taħthom kien hemm dawn it-tliet stilel li dlonk kulħadd sar jaf li kienu jfissru l-isem moħbi ta’ Patri Anastasju Cuschieri.[1] Dawk it-tliet stilel li ’l hawn u ’l hinn bdew jidhru f’Il-Ħabib dehru bħal ħaġa tleqq bid-dija qawwija tagħhom fis-sema ta’ dak l-istar sabiħ tal-muża Maltija li biha beda jiżżejjen għall-ewwel darba lsienna. L-għajn ta’ kull qarrej malli jiftaħ Il-Ħabib ma kenitx tfittex ħlief il-versi li taħthom kont tarar dawk it-tliet stilel. F’dawk il-versi kien hemm ċerta ħlewwa sempliċi ta’ ħsieb u ritmu ġodda li kienu jisirqu l-qalb, versi li ma kenux jagħmlu għajb lil dawk li konna bdejna nduqu mill-pinna ta’ Dun Karm… maż-żmien il-poeżiji ta’ Cuschieri… qajmu għagħa ta’ ħeġġa kbira fost il-kittieba tal-Malti li għal xi ftit kienu nsew il-versi ta’ kull poeta ieħor. Il-versi bil-Malti ta’ Cuschieri dlonk dehru bħala l-isbaħ mudelli ta’ poeżiji letterarji fil-kotba tal-Qari għat-tfal tal-Iskejjel Sekondarji u għall-istudenti ta’ l-Università ma’ poeżiji oħra”
[1] P. Anastasju beda jikteb il-poeżija bil-Malti fl-1909, tliet snin qabel Dun Karm. L-ewwel poeżija tiegħu iġġib l-isem ta’ Fil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu.
Leave a comment